Il-kampanja u l-avveniment globali b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet “Solidarjetà mal-Ukrajna” ġabret €9.1 biljun għan-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni Russa, fl-Ukrajna u lil hinn minnha, fosthom €1 biljun mill-Kummissjoni Ewropea. Apparti minn hekk, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp ħabbar €1 biljun oħra f’self biex jiġu koperti l-ħtiġijiet tan-nies li sfaw vittmi ta’ spostament intern.
L-avveniment b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet, Solidarjetà mal-Ukrajna, ikkonkluda kampanja usa’ tal-media soċjali mnedija mill-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern fil-Kanada nhar is-Sibt, is-26 ta’ Marzu, fi sħubija ma’ Global Citizen.
Il-kampanja twieġeb għal sejħa għal appoġġ imnedija mill-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy. L-għan tal-kampanja kien li jinġabru fondi u tipi oħra ta’ appoġġ biex jinqdew il-ħtiġijiet tal-persuni spostati internament fl-Ukrajna. B’mod partikolari:
- Għal dawk l-4 miljun ruħ u aktar li diġà fittxew kenn fl-UE u għal oħrajn li x’aktarx jaslu: il-fondi se jintużaw biex jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom għal perjodu ta’ żmien qasir u medju fl-Istati Membri tal-UE, mill-ikel, l-akkomodazzjoni u l-kura medika sal-edukazzjoni u l-impjieg.
- Għas-6.5 miljun ruħ, inklużi 2.5 miljun tifel u tifla, li kellhom jaħarbu minn djarhom iżda baqgħu fl-Ukrajna u issa huma spostati internament: il-fondi u d-donazzjonijiet se jipprovdulhom kura umanitarja vitali.
B’rikonoxximent għar-rwol essenzjali tal-Polonja fl-appoġġ għar-refuġjati li qed jaħarbu mill-invażjoni tal-Ukrajna, l-avveniment b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet sar f’Varsavja, bis-sehem tal-President Andrzej Duda.