Mur għall-kontenut ewlieni
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

It-triq tal-Ukrajna lejn l-adeżjoni mal-UE

Approvazzjoni biex jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni

Fl-14 ta’ Diċembru 2023, il-mexxejja tal-UE qablu li jiftħu negozjati ta’ adeżjoni mal-Ukrajna u kkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jkomplu jappoġġjaw b’mod qawwi lill-pajjiż u lill-poplu tiegħu sakemm ikun hemm bżonn.

Il-Kunsill tal-UE ġie mistieden mill-mexxejja tal-UE biex jadotta l-qafas ta’ negozjar ladarba l-Ukrajna tlesti l-miżuri ta’ riforma rilevanti stabbiliti fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni mit-8 ta’ Novembru 2023.

L-Ewropa tinsab f’għajnejn l-Ukreni kollha li qed jiġġieldu għal futur aħjar. U flimkien, nistgħu nirbħu din il-ġlieda. Flimkien, nistgħu nlestu l-Unjoni tagħna. Flimkien, nistgħu nlaqqgħu lill-Ukrajna fid-dar Ewropea komuni tagħna. Din hija l-ħolma tal-eroj tal-Ukrajna u tal-martri tal-Ukrajna. U hija l-ħolma tagħna wkoll. Flimkien aħna l-Ewropa.

Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Taspira li tissieħeb fl-UE

L-Ukrajna applikat għas-sħubija fl-UE fl-aħħar ta’ Frar 2022, jiem biss wara li r-Russja nediet l-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata fuq skala sħiħa tagħha. Il-Kummissjoni ppreżentat l-Opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni f’Ġunju 2022, u l-Ukrajna ngħatat status ta’ kandidat tal-UE mill-Istati Membri kollha tal-UE fl-istess xahar. 

Fl-Ukrajna, dan ħoloq dinamika qawwija ta’ riforma minkejja l-gwerra li għaddejja bħalissa, b’appoġġ qawwi mill-poplu tal-Ukrajna.

Passi għall-adeżjoni - pedament sod għal sħubija armonjuża

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, inkluża ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) tiegħu, fis-seħħ mill-2017, u d-deċiżjoni tal-UE li tagħti lill-Ukrajna status ta’ kandidat tal-UE fl-2022 kienu wħud mill-mumenti kruċjali fit-triq tal-Ukrajna lejn aktar integrazzjoni mal-UE. L-Ukrajna u ċ-ċittadini tagħha wrew l-impenn tagħhom lejn il-valuri demokratiċi, l-iżvilupp ekonomiku u t-tisħiħ tar-rabtiet tagħhom mal-UE.

L-ewwel riżultati ta’ din is-sħubija huma diġà viżibbli. Pereżempju, ix-xjenzati u ċ-ċittadini tal-Ukrajna jieħdu sehem fi programmi importanti tal-UE għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni permezz ta’ Orizzont Ewropa u Erasmus. Aktar reċentement, l-Ukrajna ngħaqdet mal-programm tas-Suq Uniku u mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Assistenza tal-UE lill-Ukrajna

L-UE pprovdiet assistenza finanzjarja sinifikanti lill-Ukrajna. Mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-2022, l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji mmobilizzaw madwar €98.5 biljun f’appoġġ lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha.

Dan jinkludi € 49.4 biljun għar-reżiljenza ekonomika, soċjali u finanzjarja ġenerali tal-Ukrajna fil-forma ta’ assistenza makrofinanzjarja ta’ emerġenza, appoġġ baġitarju, assistenza ta’ emerġenza, rispons għall-kriżijiet u għajnuna umanitarja. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ assistenza militari jammontaw għal €32 biljun. €17-il biljun saru disponibbli biex jgħinu lill-Istati Membri tal-UE jaqdu l-ħtiġijiet tal-Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra.

Skeda taż-żmien

  1. 14 ta' Diċembru 2023

    Il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi li jiftaħ negozjati ta’ adeżjoni mal-Ukrajna

  2. 8 ta' Novembru 2023

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna.

  3. 23 ta' Ġunju 2022

    Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-perspettiva Ewropea u jagħti l-istatus ta’ kandidat lill-Ukrajna.

  4. 17 ta' Ġunju 2022
  5. 28 ta' Frar 2022

    L-Ukrajna tapplika għal sħubija fl-UE.