L-immirar tas-settur bankarju Russu
Meta nkunu qed innaqqsu l-aċċess tar-Russja għas-swieq kapitali tal-UE, inkunu qed inżidu l-ispejjeż tas-self u tat-tranżazzjonijiet għall-entitajiet sanzjonati u nnaqqru gradwalment il-bażi industrijali tar-Russja.
Il-miżuri jinkludu l-projbizzjoni ta’
- kwalunkwe forma ta’ self lil ċerti banek Russi u lill-Gvern Russu (inkluż il-Bank Ċentrali) u x-xiri ta’ titoli maħruġin minnhom
- it-tranżazzjonijiet kollha ma’ ċerti intrapriżi tal-Istat Russu f’setturi differenti, jiġifieri mal-kumpless militari-industrijali tal-Kremlin
- l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus u l-bejgħ ta’ titoli trasferibbli fil-muniti uffiċjali kollha tal-UE
- il-klassifikazzjoni tar-Russja u tal-kumpaniji Russi minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-UE u l-forniment ta’ servizzi ta’ klassifikazzjoni lill-klijenti Russi
- il-forniment ta’ servizzi ta’ kriptoassi ta’ valur għoli lir-Russja u tal-kartieri kollha tal-kriptoassi, irrispettivament mill-ammont
- is-servizzi tan-negozju, direttament jew indirettament, bħal kontabilità, awditjar, awditjar statutorju, żamma tal-kotba u servizzi ta’ konsulenza dwar it-taxxa, konsulenza tal-IT, konsulenza legali, servizzi tal-arkitettura u tal-inġinerija, konsulenza maniġerjali, relazzjonijiet pubbliċi, riċerka tas-suq u stħarriġ tal-opinjoni pubblika, ittestjar u analiżi tekniċi, reklamar, u servizzi ta’ klassifikazzjoni
- pariri lir-Russi għonja rigward l-ippjanar finanzjarju u t-trusts u l-projbizzjoni tad-depożiti kbar tagħhom fil-banek tal-UE
- ċittadini Russi minn korpi governattivi fl-infrastruttura kritika tal-Istati Membri
L-UE imponiet iffriżar tal-assi u projbizzjonijiet ta’ finanzjament fuq għadd ta’ banek Russi u qed timblokka r-riżervi tal-kambju miżmuma mill-UE mir-Russja billi
- eskludiet il-banek Russi ewlenin mis-sistema SWIFT, is-sistema dominanti ta’ messaġġi finanzjarji fid-dinja – din il-miżura twaqqaf lil dawn il-banek milli jwettqu t-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħhom madwar id-dinja b’mod rapidu u effiċjenti
- ipprojbiet l-investiment fi proġetti kofinanzjati mill-Fond Russu għall-Investiment Dirett